L-GĦANJA TAL-POPLU: FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA

July 6, 2016

L-erbgħin edizzjoni tal-festival “L-Għanja tal-Poplu” ser tibda għada l-Ħamis 7 ta’ Lulju u tkompli s-Sibt 9 ta’ Lulju 2016 fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt.  Saru l-aħħar preparamenti matul dawn il-ġimgħat u issa kollox jinsab lest biex ingawdu tmintax-il kanzunetta mill-isbaħ.  Din is-sena “L-Għanja Tal-Poplu - Festival Tal-Kanzunetta Maltija” qed ikun organizzat mill-Kumitat  “L-Għanja tal-Poplu”, l-Kunsill Malti għall-Arti, Fondazzjoni Kreattivita’ u l-PBS.  Il-kantanti se jkunu akkumpanjati mill-orkestra tal-PBS taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown filwaqt li s-surmast Paul Abela qed jieħu ħsieb aspetti oħra tal-orkestra.

 

Kien fl-1973 li ġie organizzat l-ewwel festival “L-Għanja tal-Poplu”.  L-għan minn dejjem kien li joffri pjattaforma għal kompożituri, awturi, kantawturi u kantanti li jippreżentaw ix-xogħolijiet tagħhom f’atmosfera ta’ ħbiberija, fejn parteċipanti japprezzaw ix-xogħol ta’ xulxin, jitgħallmu minn xulxin u jikbru flimkien fit-talenti tagħhom.  Dan l-għan għadu priorita’ sal-lum.  Għalkemm jiġu offruti premjijiet ta’ elf ewro għall-kanzunetta rebbieħa, sitt mitt ewro għall-kanzunetta li tiġi kklassifikata fit-tieni post, erba’ mitt ewro għat-tielet post, ħames mitt ewro għall-aħjar kantawtur u diversi trofej u premjijiet oħra, iżda l-fażi kompetittiva mhix il-qofol tal-festival.  Kull kanzunetta li waslet biex tiġi ppreżentata fis-serata ta’ għada l-Ħamis hija rebbieħa għax fil-verita’ se tirbaħ ħafna apprezzament mill-poplu Malti u Għawdxi u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kanzunetti Maltin.  Dawn il-kanzunetti ġew magħżula minn 144 kanzunetta li ġew sottomessi, minn ġurija professjonali. 

 

Il-preżentatur Sean Buhagiar se jkun qed jippreżenta ż-żewġ serati b’mod differenti mis-soltu.  Tmintax il-kanzunetta se jiġu nterpretati l-Ħamis, u sakemm il-ħames membri tal-ġurija jiddeliberaw, il-mistiedna speċjali “The Travellers” se jkunu qed idoqqu u jinterpretaw xi kanzunetti minn tagħhom.  Is-serata ta’ għada l-Ħamis tispiċċa billi Josephine Ebejer Grech, membru tal-kumitat “L-Għanja tal-Poplu” tħabbar it-tnax-il finalist/a/i li jgħaddu għas-Sibt.

Fis-serata tas-Sibt għalhekk se jiġu nterpretati tnax-il kanzunetta.  Ecca Muscat, ir-rebbieħa tal-festival tas-sena l-oħra, se tiftaħ is-serata.  Il-preżentatur Sean Buhagiar se jerġa jippreżenta b’mod innovattiva ħafna filwaqt li Josephine Ebejer Grech se tkun qed tieħu intervista qasira ta’ 30 sekonda mingħand l-awtur qabel kull kanzunetta.  Wara se tintwera kartolina sabiħa ħafna maħduma tajjeb ħafna minn PBS li turi diversi ritratti u filmati tal-kantanti matul il-ħajja tagħhom, turi wkoll ritratti tal-kompożitur u l-awtur u jinqraw versi mill-kanzunetta minn Tony Micallef li huwa wkoll membru tal-kumitat “L-Għanja tal-Poplu”.  Wara t-tnax-il kanzunetti se jkunu qed jinterpretaw xi kanzunetti l-mistiedna speċjali tas-serata “Kantilena”. 

 

Fost il-premjijiet li jingħataw ikun hemm il-premju “L-Għanja li Tibqa’” li huwa premju speċjali li jingħata lil xi persuna li tkun ħadmet ħafna għall-ġid tal-kanzunetta Maltija.  Il-persuna li se tingħata l-unur din is-sena titħabbar dak il-ħin iżda nistgħu niżvelaw li din il-persuna illum m’għadiex magħna u li waħda mill-kanzunetti l-aktar li baqgħet famużi kienet “Pajjiż tal-Mickey Mouse” interpretata minn John Bundy.  Għalhekk, f’dan il-ħin, John Bundy ġie mistieden biex jinterpreta din il-kanzunetta lajv akkumpanjat mill-orkestra tal-PBS.  Wara jitħabbru l-premjijiet tal-parteċipanti.

Il-kanzunetti kollha se jkunu wkoll disponibbli għall-pubbliku bħala CD flimkien ma’ ktejjeb bil-lirika tal-kanzunetti kollha, fuq il-YouTube u anke bħala mp3s online.  Il-kumitat jaħdem ħafna wkoll biex wara l-festival jitqassmu l-kanzunetti f’kull stazzjon tar-radju biex dawn jibqgħu jindaqqu.  Il-parteċipanti kollha ġew mistiedna fuq diversi programmi kemm tar-radju kif ukoll tat-televiżżjoni biex jiġu ntervistati dwar il-karrieri tagħhom.

 

Għalhekk inħeġġukom biex ma titilfux l-erbgħin edizzjoni tal-festival “L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija” għada l-Ħamis u s-Sibt.  Biljetti jinsabu għall-bejgħ minn www.kreattivita.org jew mill-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-prezz ta’ €8 għas-serata tal-Ħamis;  €12-il ewro għas-serata tas-Sibt jew €15 għaż-żewġ serati.  Ticket Hotline 21223200.

 

Ftit informazzjoni dwar il-parteċipanti u l-kanzunetti li qed jippreżentaw din is-sena.

 

1.  Bħal Tifla Żgħira

kliem: Rita Pace;  mużika: Marco Debono;  tkanta: Maria Cassar

Il-kanzunetta tirrakonta l-istorja ta’ mara bid-dimenzja mill-angolu ta’ mara li qed tieħu ħsieb lill-ommha, illi tilfet il-kuntatt mar-realta’ u saret dipendenti fuqha. Din it-tfajla tiftakar b'nostalgija meta ommha kienet għadha b'saħħitha u kienet ir-ruħ tad-dar.  Issa nqelbu r-rwolijiet tagħhom u issa hija l-bint li qed tieħu ħsieb ‘l omm għax saret bħal tifla żgħira. Twegħdha li għalkemm ommha nsietha u ma tifhimx kemm tħobbha, hi qatt mhi se tinsiha u tabbandunaha u se tibqa tħobbha sal-aħħar. 

 

2.  Ħabta u Sabta

kliem: Andy Muscat; mużika: Mark Scicluna;  ikanta: Andy Muscat

Il-kanzunetta hi spirata minn numru ta’ traġedji fuq tfal, li sfortunatament ġraw f’dawn l-aħħar snin.    Dawn l-affarijiet jaħsdu lil kull min b’xi mod ikun involut fil-ħajja ta’ dawn it-tfal.  Spiss naħsbu fuq id-dieqa tal-ġenituri u tal-ħbieb u ninsew l-impatt li telfa bħal din tħalli fuq xi ħadd bħall-għalliem, li jqatta’ ħafna ħin mat-tfal u jrid jaffaċċja l-kumplament tal-klassi u l-vojt li ħalla warajh l-istudent.

 

3.  Ħallejt il-Passi Wrajk

kliem: Paul Ellul;  mużika: Glen Vella;  ikanta: Jurgen Xerri

Kanzunetta li titkellem dwar deċiżjoni tal-missier li jitlaq lill-familja biex imur jgħix avventura oħra li mingħalih tagħmlu kuntent. Wieħed minn uliedu qiegħed juri x’iħoss f’mumenti bħal dawn, kull fejn iħares jiftakar f’missieru u leħen missieru jisimgħu ħiereġ biss minn sett ta’ ritratti li baqgħu tifkira tiegħu. U l-iben jistaqsi x’seta’ kienet il-kawża biex missieru jħalli d-dar.

 

4.  Ħanini  

kliem: Walter Micallef;  mużika: Walter Micallef;  ikanta: Walter Micallef

Ħanini hija tħannina ħelwa ambjentata fil-ħin ta’ qabel l-irqad fejn l-omm jew missier qegħdin iwennsu lill-wild tagħhom u jippreparhom għall-irqad. Il-kanzunetta tibni fuq ir-rabta bejn il-ġenituri u t-tfal filwaqt li tagħti u turi l-imħabba, tqanqal l-imaġinazzjoni u tgħallem dwar il-ħajja.

 

5.  Id-Dieher

kliem: Augusto Cardinali;  mużika: Augusto Cardinali; ikantaw: Graziana Axisa u Neville Refalo

Donnu li l-ħwejjeġ jagħmlu l’dak li jkun. Donnu skond kif tidher tingħata t-timbru. Donnu kif tidher tiġi ġġudikat il-ħin kollu. Qisna ma naċċettawx l-ilbies jew id-dehra ta’ ħaddieħor, għax inkunu rriduha bħal tagħna. Tagħna biss tajjeb, ta’ ħaddiehor differenti, allura ħażin!  Għalhekk sew, li naċċettaw lil kulħadd kif inhu…skond kif jidher.

 

6.  Il-Biża’ u Jien

kliem: Rita Pace; mużika: Pamela Bezzina; tkanta: Nadine Fenech

Il-kanzunetta titkellem dwar diversi sitwazzjoniet koroh li persuna tgħaddi minhom. Sitwazzjonijiet fejn ikissru l-moral, u ma tkunx tista’ timxi ‘l quddiem. Pero’ meta jasal iż-żmien li persuna tqum fuq saqajha, taħdem fuqha nnfisha  biex issir persuna oħra.  Tħoss il-biża’ ħierġa minnha u ma tibqax parti minnha.  

 

7.  Is-Sinjur

kliem: Emil Calleja Bayliss; mużika: Mark Scicluna ; tkanta: Cherylis

‘Is-Sinjur’ tirrakonta ġrajja ta’ persuna li f’għajnejn is-soċjeta’ hu sinjur pero l-populin ma kienx jaf minn xiex kien għaddej; f’għajnejhom kien biss persuna xħiħa li jagħmel biss għall-flus. Marad, biegħ il-propjeta’ li kellu u ta l-flus kollha għall-ġid tal-kommunita’  Mill-istorja ta’ din il-kanzunetta joħroġ ċar li fil-ħajja mhux kemm ikollok flus jgħodd, imma li ssib il-kuntentizza ġewwa qalbek ikollok xi jkollok għax il-flus żgur li mhux kollox f’din id-dinja.

 

8.  Jien Biss

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Dominic Cini; tkanta: Dorcas

Issib ħafna li jikkritikaw lis-‘single mothers’ u jgħidu li dawn jieħdu l-benefiċċji għalxejn. Imma fil-fatt dawn nies, minkejja l-għajdut, iridu jagħmlu d-dmirijiet taż-żewġ ġenituri f’daqqa. Liema omm ma tagħmilx kollox għal uliedha? Aħseb u ara meta għal uliedha trid taqdi d-dmir ta’ missier ukoll. L-uġigħ ta’ lsien in-nies ma jbatux minnu dawn in-nisa biss, imma uliedhom ukoll. Dawn l-ulied huma ċittadini bħal kulħadd u għandhom dritt jirnexxu wkoll. U l-omm tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

 

9.  Ma Ninsiex

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Augusto Cardinali; tkanta: Deborah Dalli

Fil-ħajja faċli taqta’ qalbek. Ma tantx issib min jaħsillek wiċċek biex issir aħjar minnu. F’ħajja fejn kollox huwa tellieqa biex min l-aqwa biss iħawwel, il-bniedem jista’ jaqta’ qalbu, jaħseb li mhux kapaċi u ma japprezzax it-tajjeb li hemm fih. Issib imbagħad dik il-persuna li temmen fik, li tgħinnek tinduna bis-sabiħ ta’ ġo fik u li mindu titfaċċa hi, tinbidel il-ħajja, u flok tiddependi fuq dak li jgħidu n-nies, issir tassew int... uniku...  Min jgħinna f’dan kollu, ma nistgħu qatt ninsewh.

 

10.  Mellisni

kliem: Joe Chircop; mużika: Mark Spiteri Lucas; tkanta: Mikaela Bajada

Ħafna drabi l-bniedem ikun jeħtieġlu jinqata’ mill-istorbju tal-ħajja mgħaġla biex ikun jista’ jgawdi s-sbuħija tan-natura li ddawwarna. Hemm paraguni qawwija bejn it-teknoloġija li ġabitna skjavi tagħha, u l-kwiet u l-ħemda tan-natura li fiha kollox jaħdem perfett. Fl-aħħar il-kanzunetta tagħmel ukoll referenza għall-fatt li n-natura fis-sempliċità tagħha qatt ma turik wiċċ b’ieħor.

 

11. Ngħidlek

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Miriam Christine; tkanta: Miriam Christine

Meta nitilfu lil xi ħadd, nindunaw kemm kien hemm affarijiet li xtaqna nagħmlu u m’għamilniehomx. Nidraw lil dak li jkun u naħsbu li għada dejjem se jkun bħal-lum … u bħall-bieraħ. Imma issa tard wisq. U dak li seta’ jsir bla wisq diffikulta’, issa ma jista’ jseħħ qatt. Il-preżent sar biss biex niftakar fl-imgħoddi, u ma nista’ nibdlu qatt. U x-xewqat għall-ġejjien jistgħu jirriflettu biss dak li ġara fil-passat... imma xorta nipprova ngħidlek li nħobbok... forsi tard... imma xorta rrid ngħidlek.

 

12.  Pupa tal-Plastik

kliem: Paul Ellul; mużika: Marco Debono; tkanta: Domenique Azzopardi

Il-kanzunetta 'Pupa Tal-Plastik' titratta fuq persuna li minn mindu kienet ċkejkna kienet tilgħab bil-pupi u tagħmel minn kollox biex tipproteġihom. Nibtet xewqa li xi darba tesperjenza din l-esperjenza li ssir omm u tħoss l-emozzjoniijiet. Sfortunatament hija baqgħet tħaddan il-pupa tal-plastik. Il-messaġġ wara din il-kanzunetta hija li wara kull individwu hemm storja minkejja il-ferħ li jixhed il-wiċċ.

 

13.  Ta’ Billejl

kliem: Paul Ellul; mużika: Mark Spiteri Lucas; ikanta: Neville Refalo

Kanzunetta li titkellem dwar relazzjoni ta’ missier ma’ wliedu li meta kienu żgħar ma kienx joqgħod ħdejhom u jilgħab magħhom għax dejjem ikollu x’jagħmel u kien jaħdem ta’ billejl. Il-kanzunetta qed twassal messaġġ pożittiv għax turi l-bżonn li flok naħdmu lejl u nhar, niddedikaw ħin għall-familja għax iż-żmien itir u nkunu tlifna opportunita` sabiħa li nkunu flimkien.

 

14.  Tama

kliem: Shyli, Jasmar u Kapitlu Tlettax; mużika: DJ Mac, David Leguesse u Shyli;  ikantaw: Shyli, Jasmar u Kapitlu Tlettax

Il-kanzunetta titkellem dwar il-marda kiefra li attakkat lil ħu Shyli – Jasmar - ta’ etá żgħira ħafna. Ta’ madwar tlett snin, Jasmar sab ruħhu jikkumbatti kontra l-marda tal-kanċer.  “Tama” tirrakonta ukoll storja sensittiva oħra ta' koppja fejn xi ħadd minnhom jinħakem mill-mard ukoll. Il-kanzunetta jisimha hekk għax filwaqt li mhux l-istejjer kollha jispiċċaw tajjeb, hemm tama għal xi wħud.

 

15.  Taptipa fuq l-Ispallejn

kliem: Emil Calleja Bayliss; mużika: Pamela Bezzina; tkanta: Michela Dalli

‘Taptipa fuq l-Ispallejn’ hija kanzunetta maħsuba biex tagħti ġieħ lil awturi Maltin, li wasslulna diversi kitbiet u ħallewlna dal-patrimonju Malti. Il-lirika tal-kanzunetta hija rakkont ta’ kif il-kantanta, sabet l-imħabba lejn il-letteratura Maltija. Ir-rakkont jagħlaq billi jindika li għalkemm fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum uħud ma jħarsux lejn il-kotba, għad hawn nies li verament japprezzaw il-letteratura Maltija.

 

16.  Waħdi Miegħek

kliem: Ingrid Vella; mużika: Kaya; tkanta: Graziella Vella

“Waħdi Miegħek” hija paradoss mill-bidu sal-aħħar. Il-kanzunetta titkellem dwar koppja li jinsabu flimkien f’post romantiku, peró minkejja r-romantiċiżmu tal-post, u minkejja li ż-żewġ maħbubin jinsabu flimkien, it-tfajla xorta tħossha waħidha. Dan għaliex il-ġuvni iktar moħħu fil-mobile milli fit-tfajla li għandu maġenbu.  “Waħdi Miegħek” hija appell lil kull min għandu mobile phone.

 

17.  Xagħar Twil

kliem: Ingrid Vella;  mużika: Mark Laurence Zammit; tkanta: Denise Spiteri

Il-kanzunetta hija vjaġġ ta’ emozzjonijiet li qed tgħix tfajla matul it-trattament tal-kanċer.  Minkejja l-emozzjonijiet kollha ta’ matul il-kanzunetta, it-tfajla tibqa’ tfakkar li l-parrokka li qed tilbes hija biss temporanja, u li xagħarha għad jerġa’ jitwal mill-ġdid. Fil-kanzunetta, ix-xagħar huwa simbolu tas-saħħa u l-fejqan mill-kanċer.

 

18.  X’Se Jsir?

kliem: Corazon Mizzi; mużika: Corazon Mizzi; tkanta: Corazon Mizzi

“X’Se Jsir” titkellem dwar iċ-ċiklu tal-ħajja; dwar kif kull oġġett u ħlejqa tgħaddi minn proċess u żvilupp biex issir xi ħaġa oħra f’ċiklu tond u għalhekk, infinit. L-oġġetti fil-kanzunetta jintużaw ukoll biex jirrappreżentaw l-episodji differenti fil-ħajja tal-bniedem; mit-twelid sal-mewt. Imbagħad fir-ritornell il-mistoqsija eterna: Minna x’se jsir?

 

 

Please reload

Recent Posts

Friday, November 15, 2019

Wednesday, May 8, 2019

Friday, April 26, 2019

Monday, April 15, 2019

Please reload

Please reload

Archive
Search By Tags