MICHELA GALEA TIRBAĦ IT-42 EDIZZJONI TAL-GĦANJA TAL-POPLU

September 5, 2018

Il-kanzunetta rebbieħa L-Għanja tal-Poplu 2018 – Festival tal-Kanzunetta Maltija li sar ġewwa Pjazza Teatru Rjal nhar is-Sibt, 1 ta’ Settembru hija Mhux Kulma Jleqq Deheb, kantata minn Michela Galea, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Renato Briffa. Michela Galea tfakkar li l-affarijiet li jidhru sbieħ b’ħafna tlellix warajhom jaf ikollhom realità kompletament differenti minn dik li wieħed qed jara. Tenfasiżża ukoll li sabiex tirnexxi trid tgħaddas rasek u taħdem sa ma’ tasal fejn verament tixtieq.

 

Il-kanzunetta Mhux Kif Ħsibt interpretata minn Dwett, bi kliem ta’ Giovann Attard u mużika ta’ Pamela Bezzina u Alex Debono ġiet klassifikata fit-tieni post. Din il-kanzunetta tirrefletti dwar kif maż-żmien l-idea ta’ lil min tħobb, taf tinbidel u tkun differenti għal kollox minn dak li wieħed ikun bena fl-istħajjil.

 

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta Allura b’kitba ta’ Joe Chircop u mużika u interpretazzjoni ta’ Philip Vella li titkellem fuq il-karattru ġewwieni ta’ ħafna mill-Maltin, li jħobbu jaraw kif iduru ma’ kull sitwazzjoni billi jaċċettaw li xejn mhu xejn sabiex fl-istess ħin jakkwistaw xi ħaġa. Il-kanzunetta ħadet ukoll il-premju tal-aħjar rikording permezz ta’ Philip Vella Studios.

 

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ għal darb’oħra mill-Għawdxija Monica Said li kantat il-kanzunetta Anamika fuq kliem tagħha stess u mużika ta’ Conrad Dimech u Michael Camilleri. Il-kanzunetta hi ddedikata għan-neputija tal-kantanta li ġiet addottata s-sena li għaddiet mill-Indja.

 

Il-kanzunetta Nistenniek bi kliem u mużika ta’ Corazón Mizzi u interpretata minn Charlene rebħet il-premju tal-iktar kanzunetta oriġinali. Hi titkellem dwar ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal li qed iqattgħu l-isbaħ żmien ta’ tfulithom medhijin fil-‘logħob u t-televixin’ jixxenqu għall-attenzjoni, l-imħabba u l-kura tal-ġenituri tagħhom.

 

Intant il-premju tal-aħjar kantawtur intrebaħ minn JAMM Band bil-kanzunetta tagħhom Ħadd Ma Jaf Xi Jrid, dwar il-fatt li s-soċjetà tal-lum qed issir dejjem aktar materjalista aktar ma’ jgħaddi ż-żmien.

 

Il-ġieh L-Għanja li Tibqa ngħata lil Mro Paul Abela għall-kontribut tiegħu fix-xena mużikali Maltija. Huwa dderieġa lil Malta Concert Orchesta u bl-interpretazzjoni mill-isbaħ ta’ Georgina u Roger Tirazona semma’ lill-udjenza wħud mis-siltiet tiegħu bħal Kemm hu Sabiħ, Tfajjel Ckejken, Tema u L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, fost oħrajn.

 

Il-mistiedna speċjali kienu Jessica Magro, rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu 2017 kif ukoll Eliana Gomez Blanco u Aidan Jay Drakard – rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2017.

 

Ippreżentaw is-serata tal-festival Kim Dalli u Owen Bonnici.

 

Il-festival ġie organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u bil-kollaborazzjoni ta’ L-Akkademja tal-Malti. L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement. L-Malta Concert Orchestra b’40 mużiċist taħt id-direzzjoni tal-Mro Paul Abela u l-Mro Joe Brown tat is-sehem tagħha f’dan il-festival  b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

 

www.ghanjafest.com

 

Please reload

Recent Posts

Wednesday, May 8, 2019

Friday, April 26, 2019

Monday, April 15, 2019

Wednesday, March 13, 2019

Please reload

Please reload

Archive
Search By Tags