Reġa’ wasal iż-żmien - le, le mhux biex jitwettqu l-wegħdiet ta, iżda biex il-kotra terġa’ tinġabar bi ħġarha ġewwa Pjazza Teatru Rjal għal kunċert ieħor (jew aħjar, tlieta) mis-sensiela kelma kelma nota nota. Din id-darba, it-tielet u l-aħħar kunċert minn din is-sensiela (għal dan is-sajf almenu) iġib l-isem ta’ Kieku d-Dinja kienet Maltija u, kif tistgħu tissoponu, hemm bosta sitwazzjonijiet fejn din it-tema tidħol verament kif jgħid il-Malti kexxun fil-kultura u saħansitra il-mentalita' tal-poplu tagħna.
Kif kien diġa' spjegat meta kienu imnedija dawn il-kuncerti, kelma kelma nota nota hu proġett li jlaqqa' żewġ dinjiet; dik tal-mużika tradizzjonali u kontemporanja bil-Malti u d-dinja tal-lingwa u l-letteratura Maltija. Wara dan iż-żwieg metaforiku hemm tir doppju; dak li jitfakkru kanzunetti, poeżiji, makkjetti u taqbiliet li forsi wħud minnhom intesew, u l-għan li jissawru kanzunetti u kitbiet ġodda biex jitkompla l-vjaġġ mużikali u letterarju li bdew ta' qabilna.
Dan kollu mela, se jkun preżenti fil-kunċert li jmiss, ċioe' Kieku d-Dinja Kienet Maltija, taħlita tal-kliem man-noti, tal-qadim mal-modern u, naturalment, tas-serju mal-komiku. Fost ħafna kant, daqq u logħob bil-kliem, imqar għal lejla waħda se nippruvaw nimmaġinaw dinja kollha kemm hi bajda u ħamra. Filwaqt li jista' jagħti l-każ li diġa' hemm min jaraha hekk (ħeqq, kollox huwa possibbli!), żgur li r-riżultat mhux daqstant faċli tesprimih bil-kliem biss. Hu propju hawnhekk fejn tinħass l-importanza tal-kant ta' Daniel Cauchi, il-mużika tal-Big Band Brothers, ir-reċtar ta’ Ray Calleja u l-kitbiet ta’ Michael Spagnol, li flimkienmal-grupp hiphop Marmalja u l-kantanta żagħżugħa Brooke Borg se jwasslulna spettaklu ieħor divertenti.
Kieku d-Dinja Kienet Maltija se jittella' nhar it-Tlieta 25, l-Erbgħa 26 u l-Ħamis 27 ta' Awwissu ġewwa Pjazza Teatru Rjal, Valletta. Biljetti jistgħu jinkisbu mingħand ticketline.com.mt.
Ghal aktar informazzjoni, aghfas hawn.