Corazón tirbaħ l-ewwel post u l-aħjar kantawtriċi bil-kanzunetta “X’Se Jsir?”. Fit-tieni post ikklassifikat il-kanzunetta “Ta’ Billejl” kliem ta’ Paul Ellul u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas, interpretata minn Neville Refalo. Fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta “Mellisni” kliem ta’ Joe Chircop, mużika ta’ Mark Spiteri Lucas u nterpretata minn Mikaela Bajada.
Il-premju għall-aħjar interpretazzjoni ntrebaħ minn Nadine Fenech li nterpretat il-kanzunetta “Il-Biża u Jien” b’mod imqanqal ħafna peress li l-kanzunetta kienet titkellem dwar esperjenzi personali li għaddiet minnhom il-kantanta. Il-premju għall-aħjar tema soċjali ntrebaħ mill-kanzunetta “Ta’ Billejl” mill-pinna ta’ Paul Ellul. Din il-kanzunetta titkellem dwar l-importanza ta’ ħin ta’ kwalita’ li għandna nagħtu lil uliedna. Il-premju għall-aħjar talent żagħżugħ intrebaħ minn Jurgen Xerri, kantant pjuttost ġdid fix-xena mużikali, li nterpreta l-kanzunetta “Ħallejt il-Passi Wrajk”.
Il-festival ġie organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Fondazzjoni Kreattività, Kunsill Malti għall-Arti u PBS bis-sehem tal-orkestra tal-PBS fi Pjazza Teatru Rjal bl-għajnuna ta’ Valletta 18.
Waqt il-festival ingħata ħajr lil Dun Maurice Mifsud li ilu mill-1973 fl-organizzazzjoni ta’ dan il-festival.
Ingħata wkoll il-ġieh “L-Għanja li Tibqa’” lil mibki Martin Attard li ħadem ħafna għall-kanzunetta Maltija. L-aktar kanzunetta tiegħu li baqgħet magħrufa hija “Pajjiż tal-Mickey Mouse” u għalhekk kien bix-xieraq li John Bundy jkun mistieden biex jinterpreta din il-kanzunetta mal-orkestra.
Mistiedna speċjali oħra waqt is-serata li saret is-Sibt 9 ta’ Lulju kienu Ecca Muscat li nterpretat il-kanzunetta rebbieħa tat-39 edizzjoni “Ġismi” fuq kliem ta’ Matthew Pellicano u mużika ta’ Mark Pellicano, u “Kantilena”. Is-serata ġiet ppreżentata minn Sean Buhagiar mgħejun minn Wayne Flask u Gilbert Camilleri, bis-sehem ta’ Josephine Ebejer Grech li hija wkoll il-PRO tal-kumitat L-Għanja tal-Poplu.