Il-kumitat L-Għanja tal-Poplu iħeġġeġ lill-awturi, kompożituri, gruppi u kantawturi tal-kanzunetta Maltija jipparteċipaw fil-41 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu–Festival tal-Kanzunetta Maltija. Il-kanzunetti għal dan il-festival ser jintlaqgħu sa nhar il-Ħamis, 11 ta’ Mejju 2017.
L-awturi u l-kompożituri mistiedna jiktbu fuq dak kollu li jixtiequ u jikkomponu b’liema stil jixtiequ, u ma jillimitawx irwieħom għal temi soċjali biss, jew bi stil mużikali wieħed biss. Fost il-premjijiet ser ikun introdott premju ġdid biex jinkoraġġixxi l-oriġinalita’. F’dan il-festival il-kliem jingħata importanza daqs il-mużika.
Il-festival se jittella' fit-2 ta’ Settembru fi Pjazza Teatru Rjal fejn l-parteċipanti ser ikollhom l-possibilta’ li jkunu akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra, filwaqt li gruppi mużikali jistgħu jakkumpanjaw l-kanzunetti tagħhom stess. Għaldaqstant il-kumitat organizzattiv jistieden lill-artisti tal-kanzunetta Maltija biex flimkien joħolqu festival sabiħ u ta’ kwalita’ kemm fil-kliem kif wkoll fil-mużika.
Ir-regolamenti u il-formula tal-applikazzjoni jinstabu fis-sit elettroniku www.ghanjafest.com, jew jistghu jitniżżlu wkoll minn hawn. Fir-regolamenti hemm elenkati diversi innovazzjonijiet favorevoli għall-artisti tal-kanzunetta Maltija.
Il-festival se jittella' mill-Għanja tal-Poplu fllimkien ma' Pjazza Teatru Rjal, b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti u bis-sapport tal-ftehim ta’ sħubija kulturali (Cultural Partnership Agreement) bejn l-Għanja tal-Poplu u l-Kunsill Malti għall-Arti.
Min għandu xi mistoqsijiet jew suġġerimenti jista’ jikteb lil ghanjatalpoplu@gmail.com jew jidħol fis-sit elettroniku www.ghanjafest.com.