top of page
  • Press Release

L-GĦANJA TAL-POPLU: FESTIVAL TAL-KANZUNETTA MALTIJA


Il-partecipanti tal-festival L-Ghanja tal-Poplu 2016

L-erbgħin edizzjoni tal-festival “L-Għanja tal-Poplu” ser tibda għada l-Ħamis 7 ta’ Lulju u tkompli s-Sibt 9 ta’ Lulju 2016 fi Pjazza Teatru Rjal il-Belt. Saru l-aħħar preparamenti matul dawn il-ġimgħat u issa kollox jinsab lest biex ingawdu tmintax-il kanzunetta mill-isbaħ. Din is-sena “L-Għanja Tal-Poplu - Festival Tal-Kanzunetta Maltija” qed ikun organizzat mill-Kumitat “L-Għanja tal-Poplu”, l-Kunsill Malti għall-Arti, Fondazzjoni Kreattivita’ u l-PBS. Il-kantanti se jkunu akkumpanjati mill-orkestra tal-PBS taħt id-direzzjoni tas-surmast Joe Brown filwaqt li s-surmast Paul Abela qed jieħu ħsieb aspetti oħra tal-orkestra.

Kien fl-1973 li ġie organizzat l-ewwel festival “L-Għanja tal-Poplu”. L-għan minn dejjem kien li joffri pjattaforma għal kompożituri, awturi, kantawturi u kantanti li jippreżentaw ix-xogħolijiet tagħhom f’atmosfera ta’ ħbiberija, fejn parteċipanti japprezzaw ix-xogħol ta’ xulxin, jitgħallmu minn xulxin u jikbru flimkien fit-talenti tagħhom. Dan l-għan għadu priorita’ sal-lum. Għalkemm jiġu offruti premjijiet ta’ elf ewro għall-kanzunetta rebbieħa, sitt mitt ewro għall-kanzunetta li tiġi kklassifikata fit-tieni post, erba’ mitt ewro għat-tielet post, ħames mitt ewro għall-aħjar kantawtur u diversi trofej u premjijiet oħra, iżda l-fażi kompetittiva mhix il-qofol tal-festival. Kull kanzunetta li waslet biex tiġi ppreżentata fis-serata ta’ għada l-Ħamis hija rebbieħa għax fil-verita’ se tirbaħ ħafna apprezzament mill-poplu Malti u Għawdxi u dawk kollha li għandhom għal qalbhom il-kanzunetti Maltin. Dawn il-kanzunetti ġew magħżula minn 144 kanzunetta li ġew sottomessi, minn ġurija professjonali.

Il-preżentatur Sean Buhagiar se jkun qed jippreżenta ż-żewġ serati b’mod differenti mis-soltu. Tmintax il-kanzunetta se jiġu nterpretati l-Ħamis, u sakemm il-ħames membri tal-ġurija jiddeliberaw, il-mistiedna speċjali “The Travellers” se jkunu qed idoqqu u jinterpretaw xi kanzunetti minn tagħhom. Is-serata ta’ għada l-Ħamis tispiċċa billi Josephine Ebejer Grech, membru tal-kumitat “L-Għanja tal-Poplu” tħabbar it-tnax-il finalist/a/i li jgħaddu għas-Sibt.

Fis-serata tas-Sibt għalhekk se jiġu nterpretati tnax-il kanzunetta. Ecca Muscat, ir-rebbieħa tal-festival tas-sena l-oħra, se tiftaħ is-serata. Il-preżentatur Sean Buhagiar se jerġa jippreżenta b’mod innovattiva ħafna filwaqt li Josephine Ebejer Grech se tkun qed tieħu intervista qasira ta’ 30 sekonda mingħand l-awtur qabel kull kanzunetta. Wara se tintwera kartolina sabiħa ħafna maħduma tajjeb ħafna minn PBS li turi diversi ritratti u filmati tal-kantanti matul il-ħajja tagħhom, turi wkoll ritratti tal-kompożitur u l-awtur u jinqraw versi mill-kanzunetta minn Tony Micallef li huwa wkoll membru tal-kumitat “L-Għanja tal-Poplu”. Wara t-tnax-il kanzunetti se jkunu qed jinterpretaw xi kanzunetti l-mistiedna speċjali tas-serata “Kantilena”.

Fost il-premjijiet li jingħataw ikun hemm il-premju “L-Għanja li Tibqa’” li huwa premju speċjali li jingħata lil xi persuna li tkun ħadmet ħafna għall-ġid tal-kanzunetta Maltija. Il-persuna li se tingħata l-unur din is-sena titħabbar dak il-ħin iżda nistgħu niżvelaw li din il-persuna illum m’għadiex magħna u li waħda mill-kanzunetti l-aktar li baqgħet famużi kienet “Pajjiż tal-Mickey Mouse” interpretata minn John Bundy. Għalhekk, f’dan il-ħin, John Bundy ġie mistieden biex jinterpreta din il-kanzunetta lajv akkumpanjat mill-orkestra tal-PBS. Wara jitħabbru l-premjijiet tal-parteċipanti.

Il-kanzunetti kollha se jkunu wkoll disponibbli għall-pubbliku bħala CD flimkien ma’ ktejjeb bil-lirika tal-kanzunetti kollha, fuq il-YouTube u anke bħala mp3s online. Il-kumitat jaħdem ħafna wkoll biex wara l-festival jitqassmu l-kanzunetti f’kull stazzjon tar-radju biex dawn jibqgħu jindaqqu. Il-parteċipanti kollha ġew mistiedna fuq diversi programmi kemm tar-radju kif ukoll tat-televiżżjoni biex jiġu ntervistati dwar il-karrieri tagħhom.

Għalhekk inħeġġukom biex ma titilfux l-erbgħin edizzjoni tal-festival “L-Għanja tal-Poplu – Festival tal-Kanzunetta Maltija” għada l-Ħamis u s-Sibt. Biljetti jinsabu għall-bejgħ minn www.kreattivita.org jew mill-Kavallier ta’ San Ġakbu għall-prezz ta’ €8 għas-serata tal-Ħamis; €12-il ewro għas-serata tas-Sibt jew €15 għaż-żewġ serati. Ticket Hotline 21223200.

Ftit informazzjoni dwar il-parteċipanti u l-kanzunetti li qed jippreżentaw din is-sena.

1. Bħal Tifla Żgħira

kliem: Rita Pace; mużika: Marco Debono; tkanta: Maria Cassar

Il-kanzunetta tirrakonta l-istorja ta’ mara bid-dimenzja mill-angolu ta’ mara li qed tieħu ħsieb lill-ommha, illi tilfet il-kuntatt mar-realta’ u saret dipendenti fuqha. Din it-tfajla tiftakar b'nostalgija meta ommha kienet għadha b'saħħitha u kienet ir-ruħ tad-dar. Issa nqelbu r-rwolijiet tagħhom u issa hija l-bint li qed tieħu ħsieb ‘l omm għax saret bħal tifla żgħira. Twegħdha li għalkemm ommha nsietha u ma tifhimx kemm tħobbha, hi qatt mhi se tinsiha u tabbandunaha u se tibqa tħobbha sal-aħħar.

2. Ħabta u Sabta

kliem: Andy Muscat; mużika: Mark Scicluna; ikanta: Andy Muscat

Il-kanzunetta hi spirata minn numru ta’ traġedji fuq tfal, li sfortunatament ġraw f’dawn l-aħħar snin. Dawn l-affarijiet jaħsdu lil kull min b’xi mod ikun involut fil-ħajja ta’ dawn it-tfal. Spiss naħsbu fuq id-dieqa tal-ġenituri u tal-ħbieb u ninsew l-impatt li telfa bħal din tħalli fuq xi ħadd bħall-għalliem, li jqatta’ ħafna ħin mat-tfal u jrid jaffaċċja l-kumplament tal-klassi u l-vojt li ħalla warajh l-istudent.

3. Ħallejt il-Passi Wrajk

kliem: Paul Ellul; mużika: Glen Vella; ikanta: Jurgen Xerri

Kanzunetta li titkellem dwar deċiżjoni tal-missier li jitlaq lill-familja biex imur jgħix avventura oħra li mingħalih tagħmlu kuntent. Wieħed minn uliedu qiegħed juri x’iħoss f’mumenti bħal dawn, kull fejn iħares jiftakar f’missieru u leħen missieru jisimgħu ħiereġ biss minn sett ta’ ritratti li baqgħu tifkira tiegħu. U l-iben jistaqsi x’seta’ kienet il-kawża biex missieru jħalli d-dar.

4. Ħanini

kliem: Walter Micallef; mużika: Walter Micallef; ikanta: Walter Micallef

Ħanini hija tħannina ħelwa ambjentata fil-ħin ta’ qabel l-irqad fejn l-omm jew missier qegħdin iwennsu lill-wild tagħhom u jippreparhom għall-irqad. Il-kanzunetta tibni fuq ir-rabta bejn il-ġenituri u t-tfal filwaqt li tagħti u turi l-imħabba, tqanqal l-imaġinazzjoni u tgħallem dwar il-ħajja.

5. Id-Dieher

kliem: Augusto Cardinali; mużika: Augusto Cardinali; ikantaw: Graziana Axisa u Neville Refalo

Donnu li l-ħwejjeġ jagħmlu l’dak li jkun. Donnu skond kif tidher tingħata t-timbru. Donnu kif tidher tiġi ġġudikat il-ħin kollu. Qisna ma naċċettawx l-ilbies jew id-dehra ta’ ħaddieħor, għax inkunu rriduha bħal tagħna. Tagħna biss tajjeb, ta’ ħaddiehor differenti, allura ħażin! Għalhekk sew, li naċċettaw lil kulħadd kif inhu…skond kif jidher.

6. Il-Biża’ u Jien

kliem: Rita Pace; mużika: Pamela Bezzina; tkanta: Nadine Fenech

Il-kanzunetta titkellem dwar diversi sitwazzjoniet koroh li persuna tgħaddi minhom. Sitwazzjonijiet fejn ikissru l-moral, u ma tkunx tista’ timxi ‘l quddiem. Pero’ meta jasal iż-żmien li persuna tqum fuq saqajha, taħdem fuqha nnfisha biex issir persuna oħra. Tħoss il-biża’ ħierġa minnha u ma tibqax parti minnha.

7. Is-Sinjur

kliem: Emil Calleja Bayliss; mużika: Mark Scicluna ; tkanta: Cherylis

‘Is-Sinjur’ tirrakonta ġrajja ta’ persuna li f’għajnejn is-soċjeta’ hu sinjur pero l-populin ma kienx jaf minn xiex kien għaddej; f’għajnejhom kien biss persuna xħiħa li jagħmel biss għall-flus. Marad, biegħ il-propjeta’ li kellu u ta l-flus kollha għall-ġid tal-kommunita’ Mill-istorja ta’ din il-kanzunetta joħroġ ċar li fil-ħajja mhux kemm ikollok flus jgħodd, imma li ssib il-kuntentizza ġewwa qalbek ikollok xi jkollok għax il-flus żgur li mhux kollox f’din id-dinja.

8. Jien Biss

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Dominic Cini; tkanta: Dorcas

Issib ħafna li jikkritikaw lis-‘single mothers’ u jgħidu li dawn jieħdu l-benefiċċji għalxejn. Imma fil-fatt dawn nies, minkejja l-għajdut, iridu jagħmlu d-dmirijiet taż-żewġ ġenituri f’daqqa. Liema omm ma tagħmilx kollox għal uliedha? Aħseb u ara meta għal uliedha trid taqdi d-dmir ta’ missier ukoll. L-uġigħ ta’ lsien in-nies ma jbatux minnu dawn in-nisa biss, imma uliedhom ukoll. Dawn l-ulied huma ċittadini bħal kulħadd u għandhom dritt jirnexxu wkoll. U l-omm tagħmel minn kollox biex dan iseħħ.

9. Ma Ninsiex

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Augusto Cardinali; tkanta: Deborah Dalli

Fil-ħajja faċli taqta’ qalbek. Ma tantx issib min jaħsillek wiċċek biex issir aħjar minnu. F’ħajja fejn kollox huwa tellieqa biex min l-aqwa biss iħawwel, il-bniedem jista’ jaqta’ qalbu, jaħseb li mhux kapaċi u ma japprezzax it-tajjeb li hemm fih. Issib imbagħad dik il-persuna li temmen fik, li tgħinnek tinduna bis-sabiħ ta’ ġo fik u li mindu titfaċċa hi, tinbidel il-ħajja, u flok tiddependi fuq dak li jgħidu n-nies, issir tassew int... uniku... Min jgħinna f’dan kollu, ma nistgħu qatt ninsewh.

10. Mellisni

kliem: Joe Chircop; mużika: Mark Spiteri Lucas; tkanta: Mikaela Bajada

Ħafna drabi l-bniedem ikun jeħtieġlu jinqata’ mill-istorbju tal-ħajja mgħaġla biex ikun jista’ jgawdi s-sbuħija tan-natura li ddawwarna. Hemm paraguni qawwija bejn it-teknoloġija li ġabitna skjavi tagħha, u l-kwiet u l-ħemda tan-natura li fiha kollox jaħdem perfett. Fl-aħħar il-kanzunetta tagħmel ukoll referenza għall-fatt li n-natura fis-sempliċità tagħha qatt ma turik wiċċ b’ieħor.

11. Ngħidlek

kliem: Joe Julian Farrugia; mużika: Miriam Christine; tkanta: Miriam Christine

Meta nitilfu lil xi ħadd, nindunaw kemm kien hemm affarijiet li xtaqna nagħmlu u m’għamilniehomx. Nidraw lil dak li jkun u naħsbu li għada dejjem se jkun bħal-lum … u bħall-bieraħ. Imma issa tard wisq. U dak li seta’ jsir bla wisq diffikulta’, issa ma jista’ jseħħ qatt. Il-preżent sar biss biex niftakar fl-imgħoddi, u ma nista’ nibdlu qatt. U x-xewqat għall-ġejjien jistgħu jirriflettu biss dak li ġara fil-passat... imma xorta nipprova ngħidlek li nħobbok... forsi tard... imma xorta rrid ngħidlek.

12. Pupa tal-Plastik

kliem: Paul Ellul; mużika: Marco Debono; tkanta: Domenique Azzopardi

Il-kanzunetta 'Pupa Tal-Plastik' titratta fuq persuna li minn mindu kienet ċkejkna kienet tilgħab bil-pupi u tagħmel minn kollox biex tipproteġihom. Nibtet xewqa li xi darba tesperjenza din l-esperjenza li ssir omm u tħoss l-emozzjoniijiet. Sfortunatament hija baqgħet tħaddan il-pupa tal-plastik. Il-messaġġ wara din il-kanzunetta hija li wara kull individwu hemm storja minkejja il-ferħ li jixhed il-wiċċ.

13. Ta’ Billejl

kliem: Paul Ellul; mużika: Mark Spiteri Lucas; ikanta: Neville Refalo

Kanzunetta li titkellem dwar relazzjoni ta’ missier ma’ wliedu li meta kienu żgħar ma kienx joqgħod ħdejhom u jilgħab magħhom għax dejjem ikollu x’jagħmel u kien jaħdem ta’ billejl. Il-kanzunetta qed twassal messaġġ pożittiv għax turi l-bżonn li flok naħdmu lejl u nhar, niddedikaw ħin għall-familja għax iż-żmien itir u nkunu tlifna opportunita` sabiħa li nkunu flimkien.

14. Tama

kliem: Shyli, Jasmar u Kapitlu Tlettax; mużika: DJ Mac, David Leguesse u Shyli; ikantaw: Shyli, Jasmar u Kapitlu Tlettax

Il-kanzunetta titkellem dwar il-marda kiefra li attakkat lil ħu Shyli – Jasmar - ta’ etá żgħira ħafna. Ta’ madwar tlett snin, Jasmar sab ruħhu jikkumbatti kontra l-marda tal-kanċer. “Tama” tirrakonta ukoll storja sensittiva oħra ta' koppja fejn xi ħadd minnhom jinħakem mill-mard ukoll. Il-kanzunetta jisimha hekk għax filwaqt li mhux l-istejjer kollha jispiċċaw tajjeb, hemm tama għal xi wħud.

15. Taptipa fuq l-Ispallejn

kliem: Emil Calleja Bayliss; mużika: Pamela Bezzina; tkanta: Michela Dalli

‘Taptipa fuq l-Ispallejn’ hija kanzunetta maħsuba biex tagħti ġieħ lil awturi Maltin, li wasslulna diversi kitbiet u ħallewlna dal-patrimonju Malti. Il-lirika tal-kanzunetta hija rakkont ta’ kif il-kantanta, sabet l-imħabba lejn il-letteratura Maltija. Ir-rakkont jagħlaq billi jindika li għalkemm fil-ħajja mgħaġġla ta’ llum uħud ma jħarsux lejn il-kotba, għad hawn nies li verament japprezzaw il-letteratura Maltija.

16. Waħdi Miegħek

kliem: Ingrid Vella; mużika: Kaya; tkanta: Graziella Vella

“Waħdi Miegħek” hija paradoss mill-bidu sal-aħħar. Il-kanzunetta titkellem dwar koppja li jinsabu flimkien f’post romantiku, peró minkejja r-romantiċiżmu tal-post, u minkejja li ż-żewġ maħbubin jinsabu flimkien, it-tfajla xorta tħossha waħidha. Dan għaliex il-ġuvni iktar moħħu fil-mobile milli fit-tfajla li għandu maġenbu. “Waħdi Miegħek” hija appell lil kull min għandu mobile phone.

17. Xagħar Twil

kliem: Ingrid Vella; mużika: Mark Laurence Zammit; tkanta: Denise Spiteri

Il-kanzunetta hija vjaġġ ta’ emozzjonijiet li qed tgħix tfajla matul it-trattament tal-kanċer. Minkejja l-emozzjonijiet kollha ta’ matul il-kanzunetta, it-tfajla tibqa’ tfakkar li l-parrokka li qed tilbes hija biss temporanja, u li xagħarha għad jerġa’ jitwal mill-ġdid. Fil-kanzunetta, ix-xagħar huwa simbolu tas-saħħa u l-fejqan mill-kanċer.

18. X’Se Jsir?

kliem: Corazon Mizzi; mużika: Corazon Mizzi; tkanta: Corazon Mizzi

“X’Se Jsir” titkellem dwar iċ-ċiklu tal-ħajja; dwar kif kull oġġett u ħlejqa tgħaddi minn proċess u żvilupp biex issir xi ħaġa oħra f’ċiklu tond u għalhekk, infinit. L-oġġetti fil-kanzunetta jintużaw ukoll biex jirrappreżentaw l-episodji differenti fil-ħajja tal-bniedem; mit-twelid sal-mewt. Imbagħad fir-ritornell il-mistoqsija eterna: Minna x’se jsir?

0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page