top of page
  • Press Release

MICHELA GALEA TIRBAĦ IT-42 EDIZZJONI TAL-GĦANJA TAL-POPLU


Michela Galea_photo by Geoffrey Farrugia

Il-kanzunetta rebbieħa L-Għanja tal-Poplu 2018 – Festival tal-Kanzunetta Maltija li sar ġewwa Pjazza Teatru Rjal nhar is-Sibt, 1 ta’ Settembru hija Mhux Kulma Jleqq Deheb, kantata minn Michela Galea, bi kliem ta’ Emil Calleja Bayliss u mużika ta’ Renato Briffa. Michela Galea tfakkar li l-affarijiet li jidhru sbieħ b’ħafna tlellix warajhom jaf ikollhom realità kompletament differenti minn dik li wieħed qed jara. Tenfasiżża ukoll li sabiex tirnexxi trid tgħaddas rasek u taħdem sa ma’ tasal fejn verament tixtieq.

Il-kanzunetta Mhux Kif Ħsibt interpretata minn Dwett, bi kliem ta’ Giovann Attard u mużika ta’ Pamela Bezzina u Alex Debono ġiet klassifikata fit-tieni post. Din il-kanzunetta tirrefletti dwar kif maż-żmien l-idea ta’ lil min tħobb, taf tinbidel u tkun differenti għal kollox minn dak li wieħed ikun bena fl-istħajjil.

Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta Allura b’kitba ta’ Joe Chircop u mużika u interpretazzjoni ta’ Philip Vella li titkellem fuq il-karattru ġewwieni ta’ ħafna mill-Maltin, li jħobbu jaraw kif iduru ma’ kull sitwazzjoni billi jaċċettaw li xejn mhu xejn sabiex fl-istess ħin jakkwistaw xi ħaġa. Il-kanzunetta ħadet ukoll il-premju tal-aħjar rikording permezz ta’ Philip Vella Studios.

Il-premju għall-interpretazzjoni intrebaħ għal darb’oħra mill-Għawdxija Monica Said li kantat il-kanzunetta Anamika fuq kliem tagħha stess u mużika ta’ Conrad Dimech u Michael Camilleri. Il-kanzunetta hi ddedikata għan-neputija tal-kantanta li ġiet addottata s-sena li għaddiet mill-Indja.

Il-kanzunetta Nistenniek bi kliem u mużika ta’ Corazón Mizzi u interpretata minn Charlene rebħet il-premju tal-iktar kanzunetta oriġinali. Hi titkellem dwar ġenerazzjoni sħiħa ta’ tfal li qed iqattgħu l-isbaħ żmien ta’ tfulithom medhijin fil-‘logħob u t-televixin’ jixxenqu għall-attenzjoni, l-imħabba u l-kura tal-ġenituri tagħhom.

Intant il-premju tal-aħjar kantawtur intrebaħ minn JAMM Band bil-kanzunetta tagħhom Ħadd Ma Jaf Xi Jrid, dwar il-fatt li s-soċjetà tal-lum qed issir dejjem aktar materjalista aktar ma’ jgħaddi ż-żmien.

Il-ġieh L-Għanja li Tibqa ngħata lil Mro Paul Abela għall-kontribut tiegħu fix-xena mużikali Maltija. Huwa dderieġa lil Malta Concert Orchesta u bl-interpretazzjoni mill-isbaħ ta’ Georgina u Roger Tirazona semma’ lill-udjenza wħud mis-siltiet tiegħu bħal Kemm hu Sabiħ, Tfajjel Ckejken, Tema u L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, fost oħrajn.

Il-mistiedna speċjali kienu Jessica Magro, rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu 2017 kif ukoll Eliana Gomez Blanco u Aidan Jay Drakard – rebbieħa tal-Għanja tal-Poplu Żgħażagħ 2017.

Ippreżentaw is-serata tal-festival Kim Dalli u Owen Bonnici.

Il-festival ġie organizzat mill-kumitat L-Għanja tal-Poplu flimkien ma’ Pjazza Teatru Rjal u bil-kollaborazzjoni ta’ L-Akkademja tal-Malti. L-Għanja tal-Poplu hi megħjuna mill-Kunsill Malti għall-Arti – Cultural Partnership Agreement. L-Malta Concert Orchestra b’40 mużiċist taħt id-direzzjoni tal-Mro Paul Abela u l-Mro Joe Brown tat is-sehem tagħha f’dan il-festival b’ħidma id f’id mal-kompożituri tal-kanzunetti finalisti.

0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page