top of page
  • Writer's pictureMichael Bugeja

60+: ALBUM ĠDID MINGĦAND PHILIP VELLA

Photo: Facebook

Intervista ma’ Philip Vella: rebbieħ ta’ L-Għanja tal-Poplu 2019 u mistieden speċjali fl-edizzjoni 2020

Philip Vella se jkun qiegħed iniedi l-album ġdid tiegħu 60+ fil-festival L-Għanjatal-Poplu 2020.

Kien fl-1995 li Philip Vella għamel l-ewwel hit tiegħu bil-kanzunetta X'Jimpurtani. Din ġiet segwita b'kullana ta' kanzunetti li Philip ikanta bil-qalb u konvint minn dak li jkun qed jgħid. Għamilt xi mistoqsijiet lil Philip biex insiru nafu aktar dwar dan.

Philip, kif beda s-sehem tiegħek fil-festival L-Għanja tal-Poplu?

Iddecidejt li nieħu sehem fil-festival ta' L-Għanja tal-Poplu għax rajtu li hu festival mingħajr ebda kantunieri u forom stabbiliti, u li seta’ joffri lill-kompożitur, awtur u kantant il-libertà fil-kompożizzjoni tal-kanzunetta li l-ebda festival ieħor ma kien joffri. Jien ilqajt din l-opportunità b'idejja miftuħa u ħadt sehem b'ħafna kanzunetti li għadhom għal qalbi immens sal-ġurnata tal-lum.

Philip int irbaħt L-Għanjatal-Poplu tliet darbiet. Kemm-il kanzunetta ħadt sehem biha f'dan il-festival? Liema minn dawn il-kanzunetti huma l-iktar għal qalbek?

Jien ħadt sehem b'sittax-il kanzunetta bħala kantant imma b'ħafna u ħafna iktar bħala kompożitur. Bla dubju t-tliet kanzunetti li rbaħt bihom huma għal qalbi immens. B’Kemm Jien Beżżul kienet l-ewwel darba li rbaħt festival prinċipali. Fil-każ Grazzi u Il-Verità għenuni biex nippreżenta stil ġdid ta' kanzunetti li ma jitqisux umoristiċi. Imma naħseb waħda mill-kanzunetti li baqgħet għal qalbi immens kienet Marija, li għalkemm ma rbaħtx biha, baqgħet waħda mill-kanzunetti l-iktar popolari tiegħi li ħargu mill-festival.

Għaliex tħobb tieħu sehem f'dan il-festival? U għaliex għażilt li tniedi l-album il-ġdid tiegħek waqt dan il-festival?

Nieħu gost nieħu sehem f'dan il-festival għax l-atmosfera waqt il-festival hi unika, mingħajr tensjoni żejda, u tirbaħ jew titlef, ma tantx tagħmel differenza, l-aqwa li tieħu sehem. Huwa festival ideali biex tippreżenta kanzunetta ġdida. Kif semmejt iktar qabel, bil-kanzunetti X'Jimpurtani u Marija ma rbaħtx il-festival, imma xorta għadhom popolari sal-ġurnata tal-lum. U għalhekk iddeċidejt li nniedi l-album il-ġdid tiegħi 60+ f'dan il-festival. Inħoss li hu l-post addattat għal dan u nieħu gost li l-organizzaturi tawni din l-opportunità. Ta’ dan nirringrazzjahom minn qalbi.

60+ hu l-ħames album tiegħek. X'messaġġ trid twassal bih?

60+ inqisu album personali ħafna. Hu ġabra ta' esperjenzi kemm fil-lirika kif ukoll fil-mużika li huma ferm għal qalbi, u ħassejt li kien wasal il-mument li naqsamhom ma’ dawk li jħobbu l-kanzunetti bil-Malti. Huma kanzunetti li ħafna minnhom mhumiex marbuta ma’ parametri li s-soltu trid toqgħod magħhom biex tieħu sehem fil-festivals. Dan l-album magħġun mal-medda ta’ħafna snin u nispera li jogħġob lil min jisimgħu daqskemm ħadt gost nagħmlu.

Waqt il-festival L-Għanja tal-Poplu se tkanta żewġ kanzunetti minn dan l-album. Liema huma u għaliex għażilt lilhom?

Fil-festival se nkanta l-kanzunetta li rbaħt biha s-sena l-oħra, jigifieri Il-Verità, kif ukoll is-single ġdida li biha se nniedi l-album. Din jisimha Ġenna u Infern.

Lil min iddedikajt dan l-album?

L-album iddedikat lill-familja tiegħi, li mingħajr l-appoġġ u l-paċenzja tagħhom,jien ma kont nasal imkien.

Fejn nistgħu nsibu iktar informazzjoni dwar dan l-album?

L-album 60+ se jkun fil-ħwienet ewlenin tas-CDs, kif ukoll fuq is-siti diġitali mill-11 ta' Settembru.


0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page