top of page
  • Writer's pictureMichael Bugeja

IR-REBBIEĦA TAL-45 EDIZZJONI TAL-GĦANJA TAL-POPLU

Updated: Nov 26, 2021

Il-45 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu - Festival tal-Kanzunetta Maltija ttellgħat s-Sibt 7 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni tal-Mro Joe Brown. Il-festival kien imxandar live fuq TVM bil-preżentazzjoni ta’ Ray Calleja. Għal dan il-festival daħlu 178 kanzunetta. Il-kanzunetta Fuq L-Ixkaffa interpretata minn Sean Borg fuq kliem u mużika ta’ Philippa Naudi u Bettina Muchmore rebħet it-titlu ta’ L-Għanja tal-Poplu 2021. Il-kanzunetta rebbieħa tagħti leħen lill-ħsibijiet ta' dawk kollha li xi darba jew ohra ħassew li ma setgħux jesprimu lilhom infushom.

Sean Borg_photo by Mario Mintoff Photocity

Il-kanzunetta Is-Sirena Li Welldet it-Tama, kantata minn Haley Azzopardi u miktuba minn Paul Ellul, b’mużika ta’ Mark Spiteri Lucas ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Il-kanzunetta tiddeskrivi l-atmosfera waqt iċ-ċirkostanza traġika tal-mewt ta’ Miriam Pace li ntradmet taħt it-terrapien ta' darha stess.


Il-grupp MeadowStrings magħmul minn Mario Camilleri u Magdalene Farrugia ikklassifkaw fit-tielet post bil-kanzunetta Niftakar fuq kliem u mużika tagħom stess. L-għanja tal-grupp hi ispirata minn emozzjonijiet ta’ mħabba. Il-grupp MeadowStrings rebħu wkoll il-premju għall-aħjar kantawtur.


Il-premju għall-interpretazzjoni ntrebaħ mill-aħwa Dario u Grecia Bezzina bil-kanzunetta Il-Bajtar Sar. Miktuba minn Rita Pace u b’ kompożizzjoni ta’ Dario stess, il-kanzunetta titkellem fuq ir-relazzjoni ta’ koppja hekk kif jgħaddi ż-żmien.


Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Laurence Zammit bil-kanzunetta Se Nirranġaw interpretata minn Dominic Cini u Anna Azzopardi. Din il-kanzunetta fiha battibekk bejn koppja bi twemmin politiku differenti imma li fl-aħħar jirranġaw.


Il-mistiedna speċjali kienet Marilyn Aquilina, ir-rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020 li interpretat il-kanzunetta tagħha Jien u Int akkumpanjata mill-kitarristi David Baldacchino u Luke Deguara.


Il-kumitat ta’ L-Għanja tal-Poplu ta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Enzo Gusman għas-sehem siewi tiegħu fil-kamp tal-kanzunetta Maltija, b'Enzo jgħaddi messaġġ għall-okkażjoni.


L-Għanja tal-Poplu huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency. Aktar tagħrif jinsab fis-sit www.ghanjatalpoplu.org  u fuq www.facebook.com/GhanjaTalPoplu.


Recent Posts

See All
bottom of page