top of page
  • Writer's pictureMichael Bugeja

IL-KANZUNETTA REBBIEĦA TAL-GĦANJA TAL-POPLU 2020 HI 'JIEN U INT'

Photo by Joseph Agius Attard
Marilyn Aquilina - rebbieħa tal-festival L-Għanja tal-Poplu 2020 (Photo by Joseph Agius Attard)

L-Għanja tal-PopluFestival tal-Kanzunetta Maltija din is-sena ħa xejra ġdida permezz ta’ festival televiżiv bi produzzjoni tal-Għanja tal-Poplu b’kollaborazzjoni mal-PBS. Din is-sena l-palk tal-festival kienu it-toroq u mkejjen pittoreski fl-ibliet li jdawru l-Port il-Kbir. Il-festival ixxandar il-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru.


F’din l-edizzjoni żdiedu n-numru tal-kantawturi, l-artisti li jesprimu ruħhom billi joħolqu kanzunetta u jinterpretawha huma stess. Il-kanzunetta Jien u Int tal-kantawtriċi Marilyn Aquilina rebħet it-titlu ta’ L-Għanja tal-Poplu 2020. F’din il-kanzunetta, Aquilina tesprimi l-emozzjonijiet u s-sentimenti personali u ġenwini ma’ xi ħadd li diġà bena ħajt madwaru.

Il-kanzunetta Sant’ Antnin tal-kantawtriċi Rita Pace ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Pace tgħid li Sant’Antnin qisu s-segretarju tagħha u li dejjem tqabbdu jfittxilha kull xorta ta’ affarijiet; kemm affarijiet ta’ kuljum imma wkoll affarijiet iktar serji.


Fit-tielet post ġiet il-kanzunetta Sakemm Sibt Garaxx kantata minn Sarah Micallef Muscat, fuq kliem ta’ Frederick Camilleri u mużika ta’ Augusto Cardinali. Il-kanzunetta titkellem dwar ir-regħba tal-ftit, li qiegħda tkun konsegwenza ta’ tbatija għal uħud minn fostna bħal pensjonanti u immigranti li jispiċċaw jgħixu f’garaxx b’kera baxxa u bla ilma u dawl, meta suppost li qed ngħixu fl-aqwa żmien.


Il-premju għall-interpretazzjoni ntrebaħ mid-duo Kemmuna Airways, li għamel ir-ritorn tiegħu bil-kanzunetta Il-Ħass u l-Basal, bi kliem u mużika ta’ Rita Pace. Il-kanzunetta b’mod imqajjem tesprimi r-realtà tal-Maltin li jinsabu miexja ġo deżert ta’ ċapep bojod ta’ bini, jibilgħu l-mediċini kontra s-sogħla u d-dipressjoni u ma jgergrux għax jgħidulhom li hawn il-flus.


Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Mark Cachia bil-kanzunetta Normalità Ġdida interpretata mill-JAMMBand; kanzunetta dwar kif inbidlet il-ħajja tagħna permezz ta’ din l-epidemija li laqtitna. Il-premju għall-aħjar kantawtur mar għand Jean Claude Vancell bil-kanzunetta F’Dirgħajk.  Vancell jesprimi dak li ħass meta kien qiegħed jivvjaġġa waħdu l-Amerka u għalkemm ra ħafna ġmiel u gawda kemm felaħ, baqa’ jaħseb fl-imħabba li ħalla warajh.


Il-mistieden speċjali kien Philip Vella, ir-rebbieħ ta’ L-Għanja tal-Poplu 2019 li nieda l-album tiegħu 60+ u kanta l-kanzunetti Il-Verità u Ġenna u Nfern, li jinstabu fl-istess album.


Ippreżentaw is-serata tal-festival l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina. Minkejja l-pandemija il-festival kien suċċess u kien segwit minn numru kbir ta’ telespettaturi minn fuq it-televiżjoni.


L-Għanja tal-Poplu– Festival tal-Kanzunetta Maltija huwa mgħejun mill-Kunsill Malti għall-Arti u mill-Valletta Cultural Agency, filwaqt li l-produzzjoni viżiva kienet tal-PBS.


Aktar tagħrif jinstab fil-websajt: www.ghanjatalpoplu.org u fuq facebook: www.facebook.com/GhanjaTalPoplu

0 comments
bottom of page