top of page
  • Writer's pictureMichael Bugeja

LILNA SSIB: KANZUNETTA TA' RINGRAZZJAMENT


Lilna Ssib hija kanzunetta li ħarġet aktar kmieni dan ix-xahar. Komposizzjoni ta' Philip Vella fuq kliem ta' Emil Calleja Bayliss, il-kanzunetta ġiet imnedija biex tirrikonoxxi x-xogħol li jwettqu l-infermiera u l-qwiebel. Dan fl-okkażjoni li l-Assemblea Dinjija tas-Saħħa għażlet is-sena 2020 bħala is-Sena

Internazzjonali tal-Infermiera u l-Qwiebel.


L-infermiera u l-qwiebel għandhom rwol vitali fil-provvediment tas-servizzi tas-saħħa. Nies li jiddedikaw ħajjithom jieħdu ħsiebna, jagħtuna pariri dwar is-saħħa, jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna u b’mod ġenerali jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet essenzjali tas-saħħa li jinqalgħu kuljum. Ta’ spiss huma l-ewwel punt ta’ referenza għall-kura fil-kommunitajiet tagħhom. Iżda biex tkopri l-ħtiġiijiet universali tas-saħħa sas-sena 2030 id-dinja għandha bżonn ta’ żjieda ta’ 9 miljun infermiera u qwiebel. Kooinċidentalment tul din is-sena faqqet ukoll il-pandemija tal-COVID-19 u dan kompla ta valur għal din l-għażla xierqa, għax fir-realtà l-qwiebel u l-infermiera (partikolarment il-frontliners), flimkien ma’ ħaddiema oħra fil-qasam tas-saħħa qed ikunu nies kruċjali fil-ġlieda kontra l-pandemija. Qed ikunu wkoll ta’ spalla f’waqtha, jindukraw u jikkuraw lil dawk milquta mill-coronavirus, dan ċertament bi stress u riskju addizzjonali għal dak li normalment jaffaċċjaw fi żminijiet iktar siguri.


L-istorja tal-kanzunetta Lilna Issib bdiet fuq inizjattiva ta' Tony Micallef mis-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm. Hu ta bidu għal proċess billi għamel kuntatt ma' Emil Calleja Bayliss li kiteb il-lirika tal-kanzunetta, sabiex wara ġie avviċinat Philip Vella li bi pjaċir aċċetta li jikteb il-mużika ukoll. Hawnhekk ġew avviċinati numru ta' kantanti li minħabba l-pandemija irrekordjaw il-partijiet tagħhom individwalment u mbagħad sar l-editing meħtieġ biex ġiet finalizzata l-kanzunetta Lilna Issib. Il-kanzunetta se tintuża għall-promozzjoni mid-Direttorat tal-Infermiera u Qwiebel biex iktar żgħażagħ jagħżlu dawn il-karrieri u s-Servizz tas-Saħħa f’Malta jkun fornut u sostnut sew b’dawn il-professjonisti fis-snin li ġejjin.


Il-kantanti li taw sehemhom huma Michela Galea, Maria Spiteri, Lara Azzopardi, Eleanor Spiteri, Matthew Vassallo

u Francesca Borg.


0 comments
bottom of page