top of page
  • Writer's pictureMichael Bugeja

5 RAGUNIJIET GHALA M'GHANDEKX TITLEF IL-KUNCERT TAL-QADDISIN


Mhu ebda sigriet li l-Maltin spiss iżeffnu l-qaddisin fi kliemhom, prattikament f'kull sitwazzjoni li tista' tippreżenta ruħha. Anzi tista' tgħid li hi ħaga ta' kuljum, bħal li kieku kienu joqogħdu bieb ma' bieb jew fl-istess triq tagħna. Min jitlob lil Sant'Antnin għal ħwejjeġ mitlufin u min, waqt xi maltempata, idaħħal lil Santa Barbara fl-istorja u min, meta jrid jagħmel xi emfasi partikolari waqt xi storja li jkun qed jirrakkonta, jimplora l-qaddisin kollha. Hawnhekk fil-fatt fejn titqanqal naqra l-kurzita' dwar x'inhu u x'mhuwiex dan il-Kunċert tal-Qaddisin li Kelmakelma Notanota se jtellgħu il-gimgħa d-dieħla fi Pjazza Teatru Rjal. Jekk għadkom ma qbadtux art jew ma smajtux b'dan il-kuncert, hawn ftit raġunijiet għaliex m'għandkomx titilfuh.

1. Il-mużika.

In-nisġa ta' mużika tradizzjonali u mużika kontemporanja bl-arranġamenti qawwijin tal-Big Band Brothers mhux se jħalluk toqgħod bilqiegħda bi kwietek. Tgħidx kemm se ċċapċap u toqmos man-noti... noti ta' kanzunetti li jafhom kulħadd u noti ta' kanzunetti li nkitbu apposta għal dan il-kunċert u li se jindaqqu għall-ewwel darba matulu.

2. Il-lingwa.

Il-lirika bi lsien pajjiżna qiegħda kulma jmur tissaħħaħ. Dan il-kunċert hu xhieda oħra ta' dan. Imma f'dan il-kunċert, apparti l-kliem tal-kanzunetti, se jkun hemm ħafna aktar kliem. Xalata ta' kliem u logħob bil-kliem, kif imdorrijin naraw fil-paġna Kelma Kelma. Trid tara kif il-poeżija, il-makkjetta u n-narrazzjoni jistgħu jingħaqdu b'mod frisk mal-mużika, maċ-ċajt u l-umoriżmu? Taf x'għandek tagħmel.

3. Il-qaddisin.

Bla ebda preferenza partikolari, il-qaddisin kollha jistgħu jispiċċaw bħal Pilatu fil-Kredu, fil-mira ta' dan il-kunċert. Tgħid il-qaddis favorit tiegħek se jidħol fl-istorja? Tgħid se niskopru xi qaddis ġdid li qajla jissemma fil-konverżazzjonijiet tagħna ta' kuljum? Jew forsi se jissemmew xi talin li qaddisin mhumiex imma li jaħsbu li huma?

4. Ray Calleja.

Dawk li jsegwu t-teatru u t-televiżjoni żgur li jafuh sew. F'dan il-kunċert, Ray mhux se jirreċta biss, imma se jkanta wkoll! Se jilħaq noti li qatt ma smajtuh jilħaq, se jirreppja, se jiddwetta mal-mistednin, se jinterpreta xi makkjetti ġodda li se jinstemgħu għall-ewwel darba f'dan il-kunċert, u fuq kollox se jdaħħakna. Imma oqgħod attent, għax wara d-daħk...

5. Mhux ovvja?

L-ewwel kunċert ta' Kelma Kelma Nota Nota sar f’Lulju 2014 u tant intlaqa’tajjeb li xahar wara reġa’ttella’taħt il-patroċinju distint tal-Eċċellenza tagħha Marie-Louise Coleiro Preca, il-President ta’Malta. Wara s-suċċess tas-sena l-oħra u meta tara dak kollu li Daniel Cauchi u l-Big Band Brothers, Ray Calleja u Michael Spagnol ta' Kelma Kelma ħejjew għal dan is-sajf, tista' tibqa' ċert li se toħroġminn hemm ittenni "X'Kunċert tal-Qaddisin dak!"

Kuncert tal-Qaddisin se jittella' fi Pjazza Teatru Rjal nhar it-Tlieta, 23, l-Erbgha 24 u l-Hamis 25 ta' Gunju. Il-biljetti jistghu jinxtraw mis-sitticketline.com.mt u l-kuncerti jibdew fid-9 ta' filghaxija. Ghal aktar informazzjoni zur il-pagna ta Kelamkelma Notanota fuq Facebook.

Dan l-artiklu kien ppublikat l-ewwel fuq Littlerock.com.mt (21 ta' Gunju 2015)

0 comments

Recent Posts

See All
bottom of page