Twieldet l-Awstralja u bdiet tkanta ta’ eta’ zgħira, talent li kompliet issawwar hi u tikber, filwaqt li wkoll daħlet fid-dinja tat-tejatru u t-televiżjoni. Christabelle Curmi hemm min forsi jiftakarha wkoll bhala wahda mill-protagonisti ta’ Aħn’Aħna jew Maħniex fil-passat, iżda ma waqfitx hemm, u minn dak iż-żmien kompliet tinvolvi ruħha kemm fid-dinja tal-palk, tat- televiżjoni u naturalment, anki tal-mużika. Fil-fatt Curmi ħarġet ukoll album bl-isem ta’ Bizzilla li jiġbor fih numru ta’ kanzunetti bil-Malti, u li dwaru MikeBugeja.com intervistaha. L-album jista' jinxtara mingħand D'Amato Records (Valletta), u €3 minn kull bejgħ se jinghataw lill-Malta Community Chest Fund.
Qabel xejn, x’ħajrek toħrog album ta’ kanzunetti folkloristiċi Maltin?
Jien ili għal diversi snin mill-1996 insiefer barra minn Malta ma’ Paul Curmi Folk Dancers bħala kantanta u kemm il-darba talbuni is-CD tiegħi, b’hekk iddeċidejt li nagħmel dan l- album.
Bizzilla fih 12-il silta popolari mal-Maltin, naturalment magħżulin minn numru ħafna akbar ta’ possibilitajiet. Kemm kien diffiċli biex tagħzel 12 biss, u hemm xi rabta partikolari bejnek u s-siltiet li eventwalment għażilt li tinterpreta?
Ippruvajt nagħzel siltiet li forsi ħassejt li huma l-iktar popolari man-nies u siltiet li normalment inkanta barra minn Malta. Ovvjament huma siltiet li veru jogħgbu lili wkoll.
Naturalment, il-verżjonijiet li wieħed isib f’Bizzilla huma kemmxejn differenti minn dawk oriġinali. X’aspetti fittixt li toħroġ l-aktar fil-verżjonijiet u arranġamenti li wieħed isib fl-album?
Il-verżjonijiet ta’ dawn il-kanzunetti jirriflettu l-istil tiegħi, kif nesprimihom jiena u l-muziċisti, li huma Ernest Caruana, Kevin Spiteri, Mario Gambin, Karen u li ħadmu fuq l-arranġament ta’ l-album, għax il-kanzunetti ġew rekordjati live mill-istess muziċisti għalhekk hemm l-espressjoni individwali ta’ kull wieħed minnhom. Fil-fatt il-flawtista joħroġ eżatt l-espressjoni tiegħu f’uħud mill-kanzunetti.
L-album fih ukoll xi siltiet mir-repertorju tiegħek personali. Tgħidilna kelmtejn dwar dawn is-siltiet u anki dwar l-esperjenzi tiegħek fl-Għanja tal-Poplu, li fih inti spiss tieħu sehem?
Kien bis-saħħa ta’ Frank O’Neil li jien dħalt l-ewwel darba għall-Għanja tal-Poplu bil-kanzunetta Irrid Ngħix il-Poezija li hu kiteb għalija, u li tant għoġbitu li xtaq ukoll ikantaha miegħi. Minn dakinhar il-kompożizzjonijiet li għamel dejjem kantajnihom flimkien. Ġejna fit-tieni post darbtejn, darba b’din il-kanzunetta u darba bil-kanzunetta Kif Xrobbtuli l-Menti. L-esperjenza f’dan il-festival hija esperjenza verament sabiħa u indimentikabbli, għax il-festival juri t-talent proprju Malti u festival li peress li l-mużika tkun live ittik sodisfazzjon akbar.
Naf li mistoqsija naqra antipatika, pero’ liema tqis bħala l-isbaħ kanzunetta Maltija ta’ kull żmien u għaliex?
Fil-fehma tiegħi hi L-Aħħar Bidwi f’Wied il-Għasel, għax dejjem jaqbadni l-bard meta nkantaha. Hi kanzunetta li naraha torbot ħafna il-folklor Malti, għax nemmen li l-aqwa rizors tagħna hi l-biedja.
Bħala artista li ilek attiva fil-qasam tal-mużika bil-Malti, x’inhuma l-kummenti tiegħek dwar l-ispazju, l-opportunitajiet u inizjattivi (jew forsi anki n-nuqqas tagħhom) fix-xena lokali u x’bidliet tixtieq tara l-aktar jitwettqu biex titjieb is-sitwazzjoni?
Naħseb li għandhom jingħataw aktar opportunitajiet lill-kantanti kollha li jgħożżu l-kanzunetta bl-ilsien Malti, għax l-opportunitajiet huma veru ftit. Jien meta nkanta bil-Malti nuri li jien veru Maltija. Nixtieq nara wkoll lill-Kunsilli Lokali jinsistu fuq aktar kant bil-Malti fl-attivitajiet li jorganizzaw, u anki fl-Għanafest hemm fejn wieħed iżid iktar kant bil-Malti f’kull serata għax hija l-aqwa attivita’ li tippromwovi il-mużika Maltija.
Kellek diversi esperjenzi tkanta barra minn xtutna, pero naf li għandek ħolma li tmur tkanta fl-Awstralja, il-pajjiż fejn inti twelidt. Kelmtejn dwar l-esperjenza li tkanta quddiem udjenzi barranin bl-ilsien Malti u għaliex hu daqshekk importanti għalik dan?
Huwa importanti għax nixtieq naqsam il-kant tieghi ma’ dawn l-udjenzi li verament jgħożżu l-kanzunetti Maltin u nħoss li japprezzawhom iktar mill-Maltin li jgħixu Malta. Veru dnub li l-Maltin ma japprezzawx daqshekk il-kanzunetti Maltin u jgħidulek f’wiccek li jippreferu kanzunetti bl-Ingliż!
X’aktar għandek ippjanat għall-futur?
Bħalissa xejn partikolari, iżda qed nipprova nfittex sponsors li jistgħu jgħinuni nagħmel album ieħor, din id-darba b’għażla oħra ta’ cover versions bħal per eżempju kanzunetti ta’ Vanni Pule' u Joe George u forsi anki xi kanzunetti kompletament ġodda.